il-pont ottubru 2014

8
B’din il-ħarġa IL-PONT qed jidħol fit-elet sena egħu. Matul dawn ix-xhur kollha l-qarrejja ta’ IL-PONT qraw aħbarijiet varji kemm mix-xena leerarja lokali kif ukoll dik internazzjonali; iltaqgħu ma’ bosta kieba Maln u anki xi barranin permezz tal-intervis; gawdew poeżiji b’ilsna differen u qraw silet ta’ proża mill-pinna ta’ kieba differen; kellhom ukoll tagħrif varjat dwar pubblikazzjonijiet ġodda u inqas ġodda. IL-PONT offra dan u iktar u minħabba dan intlaqa’ u għadu jintlaqa’ tajjeb mill-qarrejja li dejjem baqgħu jiżdiedu. Mill-ġdid ħajr lil kull min b’xi mod jew ieħor ta u qed jagħ l- kontribut egħu. Fuq nota oħra nfakkar li Oubru huwa x-xahar li jintrabat mal-Poeta Nazzjonali, Dun Karm Psaila. Niſtakar f’dak iż-żmien meta okkażjoni bħal din kienet ngħata iktar importanza, anki billi jiġu misedna l- Għaqdiet tal-Mal kollha biex jipparteċipaw avament matul ċelebrazzjoni formali li xraq lill-Poeta Nazzjonali. B’xor ħażina minn xi snin ’l hawn dan ma baqax iseħħ. Seembru u Oubru jaraw il-ſtuħ ta’ sena akkademika ġdida għal eluf ta’ għalliema u studen involu f’bosta kulleġġi u skejjel ta’ natura differen. Bosta minna jafu li bniedem ippreparat biex jaffronta l-ħajja ta’ kuljum mhux biss dak li jikseb iċ-ċerfika jew dak li fl-aħħar mill-aħħar jirnexxilu jikseb paga sostanzjali. Bniedem li verament huwa lest biex jaffronta l-ħajja huwa dak li appar li jieħu l-istudji jew l-avità egħu bis-serjetà jaf japprezza wkoll l-ar in ġenerali, inkluża l- leeratura. Dan l-apprezzament jiġi mill-imħabba għall-qari u għall-keb, u mħabba bħal din għandha twieled l-ewwel fl-ambjent tal-familja u mbagħad ġi inkuraġġuta u msaħħa fl-ambitu tal-iskola. Fi żmien ta’ kriżi bħal dan, fejn jaħkmu aħbarijiet mimlijin mibegħda, vjolenza, theddid differen, gwerer, mard pandemiku u l-bqija, hija l-leeratura li sta’ tgħallimna niſtakru li lkoll kemm aħna aħna bnedmin, minkejja d-differenzi bejnietna, u b’hekk hija l-leeratura li forsi sta’ tgħin lill-bniedem jerġa’ jiskopri kemm id-dgħjufijiet imma anki l-pun b’saħħithom li jsawruh. Dan ifakkarni wkoll fil-preparazzjonijiet għall-Fiera- Fesval tal-Keb 2014. Bosta jinħakmu mill-istennija ta’ għadd ta’ kotba ġodda. Aħna bħala qarrejja, imma anki bħala għalliema, ġenituri u anki Maln u Għawdxin in ġeneral, għandna niſtakru fid-dmir tagħna li nagħtu daqqa t’id lill-kieba - l-aktar dawk lokali - billi nixtru kopja tal-kotba li jolqtuna u jinteressawna. Nerġa’ nsostni li huwa anki dmir tal-Gvern li jagħ daqqa t’id f’dan il-qasam billi jixtri numru sostanzjali ta’ kotba - u mhux biss ta’ pubblikaturi jew kieba stabbili u magħrufa - li wara jiġu mqassma fil-libreriji tal-iskejjel, tal-kunsilli lokali, u fejn hu possibbli anki f’lukandi u ambi differen oħrajn. Ma ninsewx ukoll li l-keb Mal huwa mfiex minn għadd ta’ Maln u anki barranin, u hawn ukoll jistgħu jinħolqu skemi apposta biex il-keb Mal jiġi esportat iktar faċilment. Ħarġa numru 25: Oubru, 2014 Editorjal

Upload: patrick-j-sammut

Post on 08-Apr-2016

265 views

Category:

Documents


8 download

DESCRIPTION

Il-Pont (The Bridge) is an online literary magazine published monthly since October 2012. It's main language is Maltese, but poems in other languages - mainly English and Italian - are regularly included too. Il-Pont is intended to bring together writers and readers from all over the world.

TRANSCRIPT

Page 1: Il-Pont Ottubru 2014

B’din il-ħarġa IL-PONT qed jidħol fit-tielet sena tiegħu. Matul dawn ix-xhur kollha l-qarrejja ta’ IL-PONT qraw aħbarijiet varji kemm mix-xena letterarja lokali kif ukoll dik internazzjonali; iltaqgħu ma’ bosta kittieba Maltin u anki xi barranin permezz tal-intervisti; gawdew poeżiji b’ilsna differenti u qraw siltiet ta’ proża mill-pinna ta’ kittieba differenti; kellhom ukoll tagħrif varjat dwar pubblikazzjonijiet ġodda u inqas ġodda. IL-PONT offra dan u iktar u minħabba dan intlaqa’ u għadu jintlaqa’ tajjeb mill-qarrejja li dejjem baqgħu jiżdiedu. Mill-ġdid ħajr lil kull min b’xi mod jew ieħor ta u qed jagħti l-kontribut tiegħu.

Fuq nota oħra nfakkar li Ottubru huwa x-xahar li jintrabat mal-Poeta Nazzjonali, Dun Karm Psaila. Niftakar f’dak iż-żmien meta okkażjoni bħal din kienet tingħata iktar importanza, anki billi jiġu mistiedna l-Għaqdiet tal-Malti kollha biex jipparteċipaw attivament matul ċelebrazzjoni formali li tixraq lill-Poeta Nazzjonali. B’xorti ħażina minn xi snin ’l hawn dan ma baqax iseħħ.

Settembru u Ottubru jaraw il-ftuħ ta’ sena akkademika ġdida għal eluf ta’ għalliema u studenti involuti f’bosta kulleġġi u skejjel ta’ natura differenti. Bosta minna jafu li bniedem ippreparat biex jaffronta l-ħajja ta’ kuljum mhux biss dak li jikseb iċ-ċertifikati jew dak li fl-aħħar mill-aħħar jirnexxilu jikseb paga sostanzjali. Bniedem li verament huwa lest biex jaffronta l-ħajja huwa dak li apparti li jieħu l-istudji jew l-attività tiegħu bis-serjetà jaf japprezza wkoll l-arti in ġenerali, inkluża l-

letteratura. Dan l-apprezzament jiġi mill-imħabba għall-qari u għall-ktieb, u mħabba bħal din għandha titwieled l-ewwel fl-ambjent tal-familja u mbagħad tiġi inkuraġġuta u msaħħa fl-ambitu tal-iskola.

Fi żmien ta’ kriżi bħal dan, fejn jaħkmu aħbarijiet mimlijin mibegħda, vjolenza, theddid differenti, gwerer, mard pandemiku u l-bqija, hija l-letteratura li tista’ tgħallimna niftakru li lkoll kemm aħna aħna bnedmin, minkejja d-differenzi bejnietna, u b’hekk hija l-letteratura li forsi tista’ tgħin lill-bniedem jerġa’ jiskopri kemm id-dgħjufijiet imma anki l-punti b’saħħithom li jsawruh.

Dan ifakkarni wkoll fil-preparazzjonijiet għall-Fiera-Festival tal-Ktieb 2014. Bosta jinħakmu mill-istennija ta’ għadd ta’ kotba ġodda. Aħna bħala qarrejja, imma anki bħala għalliema, ġenituri u anki Maltin u Għawdxin in ġeneral, għandna niftakru fid-dmir tagħna li nagħtu daqqa t’id lill-kittieba - l-aktar dawk lokali - billi nixtru kopja tal-kotba li jolqtuna u jinteressawna.

Nerġa’ nsostni li huwa anki dmir tal-Gvern li jagħti daqqa t’id f’dan il-qasam billi jixtri numru sostanzjali ta’ kotba - u mhux biss ta’ pubblikaturi jew kittieba stabbiliti u magħrufa - li wara jiġu mqassma fil-libreriji tal-iskejjel, tal-kunsilli lokali, u fejn hu possibbli anki f’lukandi u ambiti differenti oħrajn. Ma ninsewx ukoll li l-ktieb Malti huwa mfittex minn għadd ta’ Maltin u anki barranin, u hawn ukoll jistgħu jinħolqu skemi apposta biex il-ktieb Malti jiġi esportat iktar faċilment.

Ħarġa numru 25: Ottubru, 2014

Editorjal

Page 2: Il-Pont Ottubru 2014

L-AĦBARIJIET POEŻIJA MALTIJA F’PUBBLIKAZZJONI FL-UŻBEKISTAN Il-poeżija bil-Malti ta’ Karmenu Mallia, ‘Għanja lil Samarkand’, traduzzjoni ta’ dik bl-Esperanto, dehret fi ktieb bl-istess isem. Oriġinarjament dil-poeżija kienet miktuba bir-Russu mill-poetessa u membru tal-Għaqda Awturi Moskoviti, Irina Alkeksejeva. Hi maqluba fi 62 lingwa, fejn l-Esperanto kien użat bħala lingwa pont. Il-ktieb ħareġ bħala omaġġ għall-2750 sena tal-belt Samarkand , Użbekistan, u l-preżentazzjoni tiegħu saret fis-17 ta’ Novembru 2013 fit-Teatru tal-Kostumi Storiċi ‘El Merosi’ f’Samarkand. Il-ktieb kien ippubblikat ir-Russja mid-dar tal-pubblikazzjoni li toħroġ ir-rivista ‘Junost’. Il-pubblikazzjoni u l-programm kollu ħa ħsiebhom l-esperantist Anatoli Iosenov, fundatur tal-Mużew tal-Paċi ta’ Samarkand. Xi snin ilu, Mallia kien qaleb mill-Esperanto għall-Malti żewġ poeżiji oħra ta’ Irina Aleksjeva li wkoll dehru fi ktieb ma’ traduzzjonijiet b’lingwi oħra. Unur għal-lingwa Maltija, unur għal Malta. SALMAN RUSHDIE JIRBAĦ L-OGĦLA PREMJU LETTERARJU FL-OLANDA F’Awwissu li għadda l-kittieb Ingliż imwieled fl-Indja Salman Rusdie ngħata l-Premju Letterarju Hans Christian Andersen mill-Prinċipessa Olandiża Mary fil-Concert Hall ta’ Odense, il-belt ta’ H.C. Andersen. Rusdie ngħata dan il-premju minħabba li “arrikkixxa l-letteratura permezz ta’ taħlita bejn realiżmu globali u fantasija li għandha mill-ħrafa. Din it-taħlita turi t-tifsira tal-vjaġġi u l-laqgħat kulturali fi żmienna.” Rusdie qal li x-xogħol ta’ Andersen dejjem saħħru u stimulalu l-immaġinazzjoni kemm bħala qarrej żagħżugħ kif ukoll bħala adult. Rusdie ngħata wkoll 90 elf dollaru Amerikan. Fl-imgħoddi dan il-Premju ngħata lil Paulo Coehlo, J.K. Rowling u Isabel Allende. IMUT POETA SERB Fit-17 ta’ Awwissu 2014 miet fil-Ġermanja l-poeta, kittieb, drammaturgu u kritiku Serb Miodrag Pavlovic li kellu 87 sena. Huwa ggradwa fil-Mediċina fl-1954 u kien darbtejn kandidat għall-Premju Nobel, u l-poeżija tiegħu - li ġabet bidla radikali u ffukat fuq espressjoni letterarja moderna - bdiet tidher sa minn

wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Il-versi tiegħu għall-ewwel esprimew is-sens ta’ waħx li kien jinħass fis-snin ta’ wara l-Gwerra u anki permezz ta’ xbihat apokalittiċi. Aktar tard Pavlovic iffoka fuq il-leġġendi, id-drawwiet, l-esplorazzjoni tal-passat u t-tradizzjoni kulturali Serba sabiex jidentifika l-għaliex ta’ tant biża’ u dwejjaq kbar fi żmienu. Pavlovic kien Direttur tat-Teatru Drammatiku Nazzjonali ta’ Belgrad, membru tal-Akkademja Ewropea tal-Poeżija, rebaħ bosta premjijiet għax-xogħol letterarju tiegħu, u vvjaġġa ħafna. Il-poeżiji tiegħu ġew tradotti f’bosta ilsna. Xi xogħlijiet tradotti huma The Conqueror in Constantinople (New York, 1976), Singing at the Whirpool (Toronto, 1983), The Slavs Beneathe Parnassus (Londra, 1985), A Voice Locked in Stone (Toronto, 1985) u Links (Toronto, 1989).

Il-kittieb Serb Miodrag Pavlovic.

PREŻENTAZZJONI TA’ KITBIET ĠODDA TA’ TREVOR ŻAHRA Fl-okkażjoni tal-15-il sena ta’ ħidma mill-grupp PoeżijaPlus nhar it-Tnejn 25 ta’ Awwissu saret preżentazzjoni ta’ kitbiet ġodda tal-kittieb Trevor Żahra. Il-post fejn seħħ dan kien iċ-ċentru tal-Kunsill Malti għall-Arti fil-Belt Valletta. Ħadu sehem ukoll Chris Buttigieg, Anthony Ellul, Vince Fabri, Graziella Galea, Jane Marshall, Corazon Mizzi, Joe Pace u Rachel Portelli. IMFAKKAR IL-JUM EWROPEW TAL-LINGWI Dan sar nhar is-27 ta’ Settembru fl-istabbiliment ta’ Bay Street u b’kollaborazzjoni bejn ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta u l-Għaqda tal-Malti - Università. Ħadu sehem bosta entitajiet kulturali u lingwistiċi permezz ta’ stands, workshops, żfin u tqassim ta’ materjal varjat.

Page 3: Il-Pont Ottubru 2014

L-AĦBARIJIET KTIEB TA’ ĦABSI GĦAL GĦOMRU JIRBAĦ IL-PREMJU SCIASCIA Il-ktieb awtobijografiku Malerba, miktub mill-ġurnalista Carmelo Sardo flimkien mal-qattiel u ħabsi għal għomru Giuseppe Grassonelli, rebaħ il-"Premio Letterario Racalmare - Leonardo Sciascia” 2014 li ngħata fi Grotte, Agrigento. Ironikament dan il-ktieb kiseb iktar punti mill-finalist l-ieħor, È così lieve il tuo bacio sulla fronte, ta’ Caterina Chinnici, bint l-imħallef Rocco, maqtul mill-mafja. Dan iġġenera kritika qawwija fil-qasam letterarju Taljan. Hemm min iddefenda d-deċiżjoni tal-ġurija popolari billi qal li r-riżultat juri li hu veru li min jiżbalja jrid iħallas għal dak li għamel, imma juri wkoll li min jiżbalja għandu jingħata ċ-ċans li jintegra ruħu mill-ġdid fis-soċjetà. Oħrajn staqsew kif ħabsi li ttebba’ minn krimini tal-biża’ u li l-ġrieħi tagħhom għadhom friski jista’ jipparteċipa fi premju letterarju fejn protagonosti kienu nies bħall-ġurnalist u kittieb anti-mafja Leonardo Sciascia. Iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni kienet iddedikata lill-vittmi tal-mafja. LEJLA LI TFAKKAR L-EŻILJU TA’ MANWEL DIMECH Nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Settembru tfakkru l-100 sena mill-bidu tal-eżilju ta’ Manwel Dimech. Dan seħħ billi s-Sensiela Kotba Soċjalisti (SKS) fakkret l-avveniment b’attività kommemorattiva u anki bi ktieb ġdid. L-attività seħħet fix-Xatt tal-Belt, quddiem fejn jieqaf il-Lift, minn fejn Dimech ittieħed għall-eżilju tiegħu. Waqt l-istess serata tnieda l-ktieb ta’ Jessica Micallef, Dimech Poeta: Mill-ħabs għall-eżilju, ġabra ta’ poeżija bil-Malti, Taljan, Ingliż u Franċiż, li kienu mxerrda f’diversi pubblikazzjonijiet u manuskritti. IL-FESTIVAL MEDITERRANJU TAL-LETTERATURA TA’ MALTA 2014 Id-disa’ edizzjoni ta’ dan il-festival organizzat minn Inizjamed seħħ bejn l-4 u s-6 ta’ Settembru li għadda fi ġnien il-Furjana magħruf bħala Msida Bastion Historic Garden. Ħadu sehem l-awturi Noria Adel (l-Alġerija), Clare Azzopardi (Malta), Antoine Cassar (Malta), Marc Delouze (Franza), Abdulrazak Gurnah (l-Ingilterra), Walid Nabhan (Malta), Bel Olid (il-Katalunja), Marlene Saliba (Malta), Peter Semolič (is-Slovenja), Giacomo Sferlazzo (Lampedusa), u Anna

Szabó (l-Ungerija). Waqt il-festival intwerew films imnebbħa minn poeżiji varji, indaqqet mużika minn gruppi Maltin, u kien hemm għall-bejgħ għadd ta’ kotba. LEJLIET TA’ POEŻIJA MILL-GĦAQDA POETI MALTIN Nhar it-22 ta’ Awwissu 2014 l-Għaqda Poeti Maltin fakkret l-Għaxar Snin mill-mewt tal-Fundatur tagħha, Mons. Amante Buontempo, JUD. Dan seħħ fis-sala tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni, f’Beltissebħ, il-Furjana. Inqraw bijografija tal-Monsinjur, saġġ kritiku ta’ Patrick Sammut fuq ix-xogħlijiet letterarji ta’ Buontempo, u xi poeżiji sinifikattivi ħafna. Fil-programm kien hemm intervalli mużikali minn Michael Camilleri li daqq fuq l-orgni kompożizzjonijiet ta’ Handel u Beethoven, u mill-mezzo soprano Miriam Camilleri li kantat aria mill-opra ‘Orfeo’ ta’ Gluck. Fost min attenda kien hemm xi familjari ta’ Mons. Buontempo, fosthom is-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Stefan Buontempo, li rrakkonta xi esperjenzi li juru l-imħabba li Mons. Buontempo dejjem kellu għal kulħadd, b’mod speċjali għall-familja. Fi tmiem is-serata sar riċeviment. Lejla ta’ Poeżija oħra seħħet fis-26 ta’ Settembru fis-Sala Ewlenija tal-Kunsill Lokali ta’ B’Kara f’rabta mal-avveniment internazzjonali 100,000 Poets for Change. Għall-okkażjoni nqraw numru ta’ poeżiji b’ilsna differenti u ntwera vidjow f’rabta mat-tema tal-Paċi. Għal-Lejla kienu preżenti membri tal-Għ.P.M., il-poeti Lucilla Maclaren Spillane u żewġha Martin Spillane, u persuni oħrajn interessati fil-poeżija.

Waqt mil-Lejla ta’ Poeżija f’B’Kara.

Page 4: Il-Pont Ottubru 2014

Twieled il-Birgu . Trabba l-Kalkara u emigra lejn l-Awstralja meta kellu 18-il sena fl-1963. Attenda l-Kulleġġ De La Salle f’Malta u Taylors College u Swinburne College of Technology fl-Awstralja. Segwa korsijiet oħrajn fil-kitba kreattiva, il-kitba tal-iskripts u l-kitba għat-teatru. Ippubblika l-ewwel ktieb tal-poeżiji tiegħu flimkien ma’ Joe Axiaq u Philip Camilleri bl-isem ta’ Bejn Vjagg u Ieħor. Il-poeżiji tiegħu dehru wkoll f’Irjieħ u Frott Ieħor. Daqq f’diversi gruppi ta’ mużika popolari bejn is-snin sittin u tmenin. Ipproduċa għadd ta’ albums mużikali għal artisti Maltin f’Melbourne u kiteb bosta kanzunetti għal artisti Maltin lokali. L-album tiegħu NEON hu magħruf qatigħ fost il-Maltin li jgħixu barra minn Malta. L-album tiegħu TILA li ħareġ flimkien mal-għannej popolari Frans Baldacchino “il-Budaj” kien l-ewwel inizjattiva komuni bejn Malta u l-Awstralja , fejn Manuel ħoloq u rrekordja l-arranġamenti u Frans kanta l-lirika tiegħu flimkien mal-mużika. Manuel għadda dawn l-aħħar tletin sena jirriċerka dwar il-mużika indiġena tal-Għana u l-Prejjem, u ħareġ l-aħħar CD tiegħu Maltese Traditional Melodies fl-2013. Manuel ilu impenjat fi programmi tal-ilsien Malti fuq bosta radjijiet fl-Awstralja għal dawn l-aħħar erbgħin sena.

X’ispirak biex tagħmel din il-ġabra ta’ biċċiet mużikali tradizzjonali? Ili nghix fl-Awstralja mis-sena 1963. Matul dan iż-żmien kont involut fix-xena popolari lokali Awstraljana. Meta waqaft, ikkonċentrajt fuq il-Mużika Tradizzjonali Maltija. L-ispirazzjoni li niġbor u nesprimi dawn it-temi Maltin kien mezz kif nuri, kif inwassal il-messaġġ tal-mużika Maltija f’dan il-kontinent. Imma mhux speċifikament għall-Maltin biss, għax il-wirt kulturali Malti, partikolarment il-mużika tradizzjonali tal-Għana u l-Prejjem, huwa mezz kif aħna l-Maltin nuru li aħna għandna x'noffru kulturalment u mhux biss hekk, imma l-mużika tradizzjonali tagħna fformat parti mill-iżvilupp

tal-ħajja ta’ dan il-pajjiż mindu nfetħet l-emigrazzjoni mill-Ewropa wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Aħna l-Maltin wasalna hawn bl-eluf wara li nfetħet l-emgrazzjoni għall-Awstralja u huwa importanti li nuru l-karattru kulturali tagħna flimkien ma’ nazzjonijiet oħra li ssetiljaw hawnhekk bħalna [...] Kull ma ppruvajt nagħmel fis-CD "Maltese Traditional Melodies" huwa li nesprimi l-melodiji antiki li jeżistu fit-tradizzjoni Maltija tal-Għana u l-Prejjem u nippreżentahom f’dan il-kontinent b'mod li nispera li jappella mhux biss għalina l-Maltin imma għan-nazzjonijiet l-oħra li jħobbu l-mużika ġeneralment. Dik li għażilt hi mużika li tiġġenera sens qawwi ta’ nostalġija. Taħseb li hi apprezzata iktar l-Awstralja u barra minn Malta, jew Malta? Għaliex? Jista’ jkun li l-melodijji jiġġeneraw sens ta’ nostalġija għax jippreżentaw id-daqq nazzjonali tagħna. Nemmen li kull Malti, dilettant jew le tal-mużika tradizzjonali Maltija, iħoss ċertu tqanqil meta jisma’ l-melodija tar- "re minore", li fuqu jitkanta "l-Għana tal-Fatt". Ħafna Maltin jiftakru l-faxxikli li kienu jiġu ppubblikati fl-imgħoddi bir-rakkonti u l-fatti ta’ "L-Għarusa tal-Mosta", "Toni Bajjada", "L-Assedju l-Kbir", eċċ. Din kienet il-pop mużik ta’ dak iż-żmien. U hawn ta’ min ifakkar li l-ewwel diski li saru kienu diski tal-Għana li kienu l-aktar mitluba f’dak iż-żmien. Nemmen li d-daqq Malti huwa apprezzat ugwalment, sewwa f’Malta kif ukoll barra minn Malta fejn jgħixu l-emigranti. Naturalment meta Malti jagħmel żmien ’il boghod minn Art Twielidu t-tifsira ta’ affarijiet Maltin issir aktar sinifikanti għalih/għaliha, imma nemmen li f’Malta l-imħabba lejn id-daqq Malti fost id-dilletanti u l-poplu ġenerali għadha qawwija. Għalkemm għadha teżisiti ċerta stigma fis-soċjetà Maltija kontra l-Għana Malti, nemmen li l-melodiji tradizzjonali Maltin, baqgħu l-aktar rappreżenttativi tal-poplu Malti. Eżempju ta’ dan kien ix-xogħol tal-maestru Charles Camilleri li ħa s-sugu tal-melodiji Maltin u pproduċihom b'temi klassiċi li sal-lum għadhom magħduda bħala kapolavur. Ma ninsewx ukoll li l-ewwel CD tal-Għana li sar f’Malta kien ta’ grupp ta’ għannejja u kitarristi Maltin, Frans Baldacchino 'il-budaj', Manwel Parnis, John Saliba 'ta’ Birżebbuġa', Karmnu Bonnici 'il-baħri'. Dawn kienu taw numru ta’ preżentazzjonijiet f’Pariġi. L-intervista sħiħa tista’ tinqara fil-ħolqa: http://patrickjsammut.blogspot.com/2014/09/intervistat-manuel-casha-dwar-is-cd.html

L-INTERVISTA Manuel Casha

Page 5: Il-Pont Ottubru 2014

Wara li f’IL-PONT ta’ Settembru ħabbarna l-pubblikazzjoni ġdida u postuma ta’ Frans Sammut permezz ta’ intervista ma’ ibnu, Mark, hawnhekk tistgħu taqraw ftit dwar il-kontenut ta’ dan il-ktieb li se jitnieda waqt il-Festival tal-Ktieb f’Novembru 2014. Lil Frans Sammut nafuh bħala rumanzier, kittieb ta’ rakkonti u riċerkatur prim. Fi ĠRAJJET IT-TAGĦLIM F’MALTA Sammut jerġa’ jħaddem l-ilsien Malti fl-aqwa tiegħu: ċar għall-aħħar, anki jekk l-awtur jittratta s-suġġett daqslikieku kien xjenza. Dak li jikteb hawn huwa bbażat fuq għadd kbir ta’ dokumenti kemm primarji kif ukoll sekondarji: mela għandna dokumenti notarili, manuskritti antiki, imma anki gazzetti, pubblikazzjonijiet u studji ta’ riċerkaturi u studjużi magħrufin, u l-bqija. In-noti f’tarf il-paġni u l-biblijografija wiesgħa jixhdu dan. Għen ħafna l-għarfien min-naħa ta’ Sammut t’ilsna bħalma huma, apparti l-Ingliż, anki l-Latin, it-Taljan, il-Franċiż u l-Għarbi. Kif għedt, huma numerużi n-notamenti f’tarf il-paġni fejn Sammut mhux biss jidħol f’ċertu dettall u rqaqat - isemmi fost l-oħrajn dettalji etimoloġiċi, storiċi u ortografiċi - imma jżid il-kummenti personali tiegħu fejn hemm bżonn. Dan l-ewwel volum huwa mqassam f’disa’ kapitli. L-ewwel kapitlu jismu “It-tagħlim fiż-Żminijiet tan-Nofs”: mela naqraw dwar żmien l-Aragoniżi, it-tmexxija tal-Imdina, sehem l-Ordnijiet reliġjużi, l-għalliema, u ħidmet in-nutara. Fit-tieni kapitlu naqraw dwar “Nisel l-Ilsien Malti”. Sammut jikteb li, “Il-lum nistgħu ngħidu li l-Malti huwa l-fdal waħdieni tal-fergħa ‘Ewropea’ tal-Għarbi. Għax l-Andalusi u l-Għarbi Sqalli ilhom illi mietu, waqt li hu baqa’ lsien ħaj u lingwisti kbar iqisuh bħala wieħed mill-Ilsna Semin (jew Semitiċi) li għadhom ħajjin il-lum.” (p. 25) Hawn naqraw dwar l-Għarab, l-espansjoni Għarbija Misilma, miġjet l-Għarab, u x’għamla ta’ Għarbi huwa l-Malti. Kapitlu 3 jismu “Żmien ir-Reliġjon”, mela naqraw dwar l-Ordni ta’ San Ġwann f’Malta li kien ifisser ukoll tmiem is-sliem għal Malta. Sammut jikteb dwar is-siwi tal-Ordni fl-istrateġija ta’ Karlu V, ir-

rapport imbagħbas dwar il-qagħda ta’ Malta miktub mill-mibgħutin tal-Gran Mastru, il-miġja u t-tkeċċija tal-Ġiżwiti, u l-ftuħ tas-Seminarju tal-Isqof. Kapitlu interessanti qatigħ hu r-raba’ wieħed li jismu “Vassalli u s-Seklu tad-Dawl”. Hawn naqraw dwar il-ħidma edukattiva ta’ Vassalli, fehmiet illuministiċi, il-ħtieġa tal-ftuħ tal-iskejjel, sehem Vassalli fil-politika, u Vassalli li jibda jwettaq il-pjani tiegħu. Il-ħames

kapitlu hu dwar “Il-Miġja ta’ Bonaparti u r-riformi fit-tagħlim”. Sammut jittratta dwar is-Sultan li jċedi l-armi, l-importanza tal-etiketta, l-injoranza li tirfed id-despotiżmu, il-fondi meħtieġa, il-vantaġġi tar-riforma, u r-ras iebsa ta’ Saint-Jean d’Angély. Kapitlu 6 hu dwar “L-ewwel snin tal-Ingliżi konservattivi”, mela naqraw dwar l-Ingliżi li jikkapparraw lil Malta, il-qagħda soċjo-politika differenti fl-Ingilterra, is-siwi ta’ Malta f’għajnejn l-Ingliżi, il-fatt li ma saret l-ebda pressjoni għat-tagħlim, ir-reazzjoni tal-Knisja Kattolika, it-tellieqa għall-ħakma fuq l-imħuħ, is-siwi tal-Malti u tal-Għarbi għat-tagħlim tal-Malti, il-Malti fqir u t-Taljan barrani, u fehmiet oħrajn dwar ilsien it-tagħlim. Kapitlu 7

jismu “Il-Kummissjoni Rjali tal-1836”: hawn naqraw dwar sehem il-patrijotti Maltin, il-petizzjonijiet qawwija li tressqu quddiem il-Gvern Ingliż, il-wasla tal-Kummissjoni Rjali, Sarah Austin - is-Sinjora Commissionaria maħbuba mill-Maltin, is-siwi tal-oħrajn, u r-riformi fl-Università. Kapitlu 8 hu dwar l-iżviluppi li seħħew bejn l-1838 u l-1850 u naqraw dwar l-i’Stedina’ ta’ Vassalli lill-poplu, l-edukazzjoni bħala lotta anki bejn il-klassijiet, u nisel il-Kwistjoni tal-Lingwa. L-aħħar kapitlu jismu, “In-nuqqas ta’ qbil dwar il-Malti”: naqraw dwar il-Protestanti Ingliżi, id-dixxipli ta’ Vassalli, il-patrijotti Maltin, l-eżuli Taljani, u r-reazzjonijiet tal-Gvern Ingliż u tal-Knisja. ĠRAJJET IT-TAGĦLIM F’MALTA għandu Preżentazzjoni tal-Onorevoli Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, Kelmtejn Qabel mis-Sinjura Catherine Sammut, Daħla minn Frans Sammut stess, Indiċi tal-Ismijiet u Biblijografija mdaqqsa. Kollox fi spazju ta’ 175 paġna.

KTIEB ĠDID TA’ FRANS SAMMUT

Page 6: Il-Pont Ottubru 2014

L-omm hija l-egħżeż persuna li jista’ jkollu l-bniedem. Dan għax l-imħabba tagħha tiżboq kull imħabba oħra li teżisti fid-dinja. Għalhekk, ir-rabta bejn l-omm u wliedha dejjem serviet bħala eżempju tal-akbar għaqda. Mhux ta’ b’xejn, mela, li l-maternità sabet post prominenti f’diversi fergħat artistiċi - inkluża, naturalment, il-Poeżija. Dun Karm Psaila (1871-1961), il-Poeta Nazzjonali tagħna, dan fehmu tajjeb u tah prominenza liema bħalha fil-poeżiji li ħallielna. Għalih kienu jeżistu tliet ommijiet: l-omm naturali, l-omm patrijottika u l-omm tas-sema [...] L-Omm Naturali: Dun Karm kellu rabta speċjali m’ommu. Wieħed ma jridx jinsa l-fatt li hu kien saċerdot. Ma kellux mara ma’ min jaqsam ħajtu. Għalhekk, lil ommu Lunzjat, kif jgħid wisq tajjeb il-Prof. Ġużè Aquilina, “il-poeta qatt ma nesa lanqas fi xjuħitu”. (Antoloġija: A.C. Aquilina, 1969). L-imħabba li Dun Karm kellu lejn ommu ħarġet f’diversi poeżiji li kiteb. Lil missieru Filippu qajla semmieh, ħlief fil-poeżija Żjara lil Ġesù. Kitiblu wkoll sunett bit-Taljan A Mio Padre Morto. Sunett sabiħ, iżda ma damx ma ntesa għall-importanza li tgawdi l-imħabba, li kellu lejn ommu. Din l-imħabba materna kultant il-poeta wrieha b’mod ċar u espliċitu, u kultant għaġinha ma’ mħabba ġenerika li wieħed isib bejn l-omm u wliedha. Insemmi b’eżempju poeżiji bħal Il-Wegħda, Is-Salib, Biki ta’ Omm, Univers Ieħor u oħrajn. Imbagħad f’poeżiji oħra, Dun Karm kien aktar miftuħ u dirett bħalma nsibu f’Il-Jien u Lil Hinn Minnu, Waħdi, Żjara lil Ġesù, Int ma Tarġax u Il-Kelma t’Ommi. Iżda forsi l-aktar versi qawwija li jikxfu x’kienet tfisser ommu għalih, Dun Karm nisiġhom lejn tmiem it-tieni strofa tal-poeżija Żjara lil Ġesù: “ ftakart fik u donni ħassejt li ma kellix iżjed x’nambiha din il-ħajja li tajtni hekk għażiża, la darba ma kont nista’, ferħ jew niket, taqsamha miegħi; u taħt l-art ħanina fit-tgħanniqa tal-mewt xtaqt norqod miegħek.”

L-Omm Patrijottika Il-poeti romantiċi kienu jħobbu jippersonifikaw; u Dun Karm ma kienx xi eċċezzjoni. Mhux biss, imma f’diversi xogħlijiet huwa immaġina lil art twelidu “mara għaqlija” (Liema?). Fuq kollox, immaġinaha diversi drabi “omm” bħalma sejħilha fl-Innu-Talba li ħallielna biex ikun parti mill-identità dejjiema tagħna: L-Omm li tatna isimha. Dan kollu għax il-poeta kien jemmen bis-sħiħ li mhemmx imħabba isħaħ u aqwa minn dik li tgħaqqad l-omm ma’ wliedha. U l-imħabba ta’ Dun Karm lejn Malta daqstant kienet kbira! Ħabbha fi żmien meta bosta minn ħutu l-Maltin kienu “rieqda ġo sodda barranija” (R. Briffa: Jum ir-Rebħ). Iżda hu ma staħax, ma baqax lura milli stqarr pubblikament imħabbtu lejn din l-omm patrijottika: “Iżda daqsek lil ħadd O Malta tiegħi għax int biss ommi, int tajtni l-isem u għadmek għadmi u demmek jiġri miegħi.”

Din l-istqarrija ta’ mħabba fis-sunett Lil Malta tirbombja f’poeżiji oħra; hekk kif jirbombjaw frażijiet bħal: “Malta tiegħi”, “Malta tagħna”, “maħbuba Malta tiegħi”, “art ħanina”, u oħrajn. Min-naħa l-oħra, minħabba li l-poeta ħabbha tabilħaqq lil art twelidu, huwa ma naqasx li jwiddibha biex ma titbigħedx mit-triq tas-sewwa kif għamel fil-poeżiji Biki ta’ Omm u Lil Malta tal-lum u ta’ għada. Dan l-istudju jista’ jinqara sħiħ f’din il-ħolqa: http://patrickjsammut.blogspot.com/2014/09/il-sieb-tal-maternita-fil-poezija-ta.html

IL-MATERNITÀ F’DUN KARM Alfred Massa

Page 7: Il-Pont Ottubru 2014

FANAL TA’ DARI F’ħemda waħxija lejn triqtek, flgħaxija imxejt, nofsi beżgħan, sa ma lilek sewwa nara Fanal ta’ Delimara. Xtaqt kieku nerġa’ narak tbiddel l-ilwien ta’ dwalek, l-abjad u l-aħmar fuq wiċċ il-baħar u mal-madwar. ’Mma ħesrem xiref minn fuq xefaq mudlam qamar daħkani; f’mixjietu lejn sema safi fost kwiekeb imregħdin; u għola ’l fuq, ’il fuq iraxxax kif kien tiela’ tad-deheb u fidda il-frak fin fuq qċaċet il-għoljiet, sa qiegħ l-eqreb widien; f’kull għamla d-dellijiet. Dak li ċaħħadtli int, fanal ta’ dari, radduli d-dawl qamri f’dak il-ħin saħħari.

ANTHONY FARRUGIA

ĦAJKU U TANKA Waves die on the rocks in the foam of a billow the gods wake themselves up. Walk on your own trail and beware of the fences. You will be free to trace the map of all those empty spaces that deserve oblivion.

NADIA-CELLA POP Ir-Rumanija

IL-BUFFU Il-bieraħ rajt iżiġġ sponsun fil-qiegħ u kaħlija ttir fil-għoli taħt ir-riħ, kien hemm bidwi bl-ingravata ftit baħnan tin iqaċċat ħajt iġarraf tas-sejjieħ, kien hemm xiħa kollha diqa fuq sellum tqaxxar tiġieġa, kien hemm tifel wara tieqa jara ’l ommu minn ġol-ħġieġa kollha mħabba fuq is-saqqu, jisma’ ’l ommu qiegħda tingħi quddiem buffu jikxef żaqqu tgħidlu, ejja, ejja buffu nagħmlek tiegħi. U il-buffu jaqla’ jdejh imċarrtin u kollha demm li sammrulu in-nies ħżiena, ix-xewk jislet waħda waħda minn sponsun iżiġġ fil-qiegħ u kaħlija ttir fir-riħ, minn moħħ bidwi ftit baħnan u mix-xiħa bit-tiġieġa, minn fuq tifel wara ħġieġa u ras ommu fuq is-saqqu u jwaħħalhom dan il-buffu ma’ kuruna ddur ma’ rasu.

PAUL P. BORG IN CLASSE (Scena dal vero)

Recitava il monello la lezione, balbettando e smangiando le parole, ed imbrogliando la proposizione si ch’eran fave e ne venian fagiole. Sbalordiva il maestro, e rabbiosetto sogguardava il cocciuto monelletto... intanto d’un auretta su le penne giungeva un raglio d’asino, solenne!

DUN KARM PSAILA (Minn Dun Karm—Le poesie italiane, ta’ Oliver Friggieri,

Malta University Press, 2007)

IL-POEŻIJI

Page 8: Il-Pont Ottubru 2014

MINN FUQ L-IXKAFFA

IMXI FTIT PASSI MIEGĦI—POEŻIJI ta’ Joe Axiaq, 2014.

Hawnhekk insibu 99 poeżija li nkitbu bejn l-1973 u l-2013. Dawn il-poeżiji - li fil-parti l-kbira tagħhom huma miktubin bil-vers ħieles, huma konċiżi u kollha miktubin b’Malti mirqum - Axiaq iqassamhom fi tliet taqsimiet. Minkejja li ilu l-Awstralja kważi 40 sena, hawn il-poeta juri għożża u imħabba mill-ikbar lejn il-kitba bil-Malti (li għalih hija bżonn), daqslikieku għadu jgħix hawnhekk fejn twieled. Fl-ewwel taqsima nsibu l-ħsibijiet u l-frustrazzjonijiet għan-nuqqas ta’ edukazzjoni u l-kundanna ta’ min messu jgħolli ’l fuq u jgħallem lill-poplu. Axiaq hawn iħares lejn raħal twelidu (iż-Żebbuġ, Għawdex), it-toroq u l-postijiet fejn twieled. Kif jikteb Axiaq, it-tieni parti tieħu l-għamla ta’ “djarju ta’ karattri bla ismijiet u bla żmien”, karattri li “jiftħu twieqi u xenarji, kultant bi ftit kliem, b’azzjoni jew anke b’ħarsa.” Fit-tielet taqsima - l-iqsar waħda - naqraw dwar waqtiet u ġrajjiet f’ħajjitna li jħallu marka fuq id-dinja u li jaffettwaw il-ħajja personali tagħna. Huwa hawn meta l-bniedem iħares ’il fuq għal tweġiba.

QNIEPEN L-GĦAXIJA ta’ Joseph Zammit Tabona, BDL 2014.

Din hija ġabra ta’ 32 poeżija minn dan il-poeta li jħaddem il-forom metriċi u prosodiċi tradizzjonali, l-aktar is-sunett Taljan u Ingliż. Zammit Tabona ssejjaħ bħala “il-Poeta tal-Imdina” minn Oliver Friggieri għax lejn din il-belt storika għandu ġibda speċjali, kif naraw fil-bosta sunetti u poeżiji li jiddedikalha. Hawn però jikteb dwar suġġetti varji bħal Dun Karm Psaila, il-Poeta Nazzjonali, li għal xi żmien kien ġar tal-poeta preżenti; l-imħabba; iż-żmien li jifred; il-Poeżija; ir-relazzjoni bejn il-”jien” u dak kollu li hemm madwaru. Din il-ġabra ta’ poeżiji għandha Kelmtejn Qabel mill-poeta stess, daħla kritika u xi ittri mibgħuta lill-awtur mill-Prof. Oliver Friggieri, u kitbiet qosra minn Zammit Tabona stess dwar Ġużè Aquilina, iċ-ċentenarju mit-twelid ta’ Dun Karm, u l-ilsien Malti. Kif jikteb Friggieri stess: “Il-poeta jxidd il-libsa tal-pellegrin li qiegħed jgħarrex [...] Il-burdata hi waħda, anki jekk tinħass f’għadd ta’ sfumaturi, skont l-ispunt ta’ kull esperjenza: ħassieba, solenni, kiebja daqskemm hienja.”

X’SETA’ ĠRALU LIL KEVIN CACCIATTOLO? ta’ Mark Vella, Merlin Publishers 2014.

Dan huwa l-ewwel rumanz ta’ Mark Vella. Huwa xogħol li jifrex fuq 291 paġna u li rebaħ il-kompetizzjoni letterarja /abbozz li organizzat il-Merlin matul il-Festival tal-Ktieb 2013. Ir-rumanz jinqasam fi tliet taqsimiet ewlenin, bl-ewwel tnejn jinqasmu fi 12-il kapitlu rispettivament, u l-aħħar taqsima kapitlu uniku. F’dan ix-xogħol naqraw dwar dak li għadda minn moħħ Kevin Cacciattolo - tifel awtistiku - f’Malta tas-snin tmenin. Kien żmien meta l-għarfien ta’ kundizzjoni bħal din kien limitat ħafna u b’hekk nies ibatu mill-awtiżmu kienu meqjusin b’mod differenti ħafna mill-ġurnata tal-lum, kemm mill-familjari kif ukoll mill-ħbieb. Dan ta’ Vella hu rumanz fejn jaħkem il-misteru - l-għajbien ta’ Cacciattolo - imma huwa anki xogħol ta’ osservazzjoni dettaljata kemm tar-realtà tas-snin tmenin kif ukoll ta’ dak li hu għaddej ġo moħħ u madwar it-tifel awtistiku. Temi oħrajn ittrattati hawn huma l-bullying fl-iskola u l-liberalizzazzjoni tal-mezzi tal-komunikazzjoni. Dan hu rumanz li wara li tispiċċa taqrah tibqa’ ttella’ u tniżżel dwar il-ħajja ta’ Cacciattolo u x’sar minnu.