frar 2014

8
B ħalissa fl-Italja għaddejja baalja siekta kontra moviment li matul is-snin irnexxielu jwarrab mill-kotba skolasċi tal-leeratura Taljana għadd kbir ta’ kieba min- Nofsinhar tal-Italja, fosthom Quasimodo, Tomasi di Lampedusa, Sciascia, Silone, Jovine, Gao, Sinisgalli, Viorini, De Libero u oħrajn, biex posthom ħaduh kieba oħrajn, anki inqas importan, minn naħat oħrajn tal-peniżola. Anki hawn Malta jseħħu minn dawn il-bawxa. U ħafna drabi kollox isir fis-skiet u fil-moħbi wkoll. Hemm ħbieb tal-ħbieb tal-ħbieb li jafu jagħtu spinta lix-xogħlijiet u pubblikazzjonijiet ta’ ismijiet parkolari filwaqt li jwarrbu kompletament oħrajn jew saħansitra jixħtulhom dell ikrah permezz ta’ kummen psewdo-kriċi li jidhru f’ċer ġurnali prominen ta’ nhar ta’ Ħadd. Hemm ukoll dik li jiena nsejħilha l-magna tal- markeng infallibbli li bis-saħħa tagħha jirnexxilha xħet fid-dawl għal bosta drabi numru magħżul ta’ kieba u mmonopolizza l-ispazju disponibbli - fuq ġurnali, rivis, programmi radjufoniċi u televiżivi - biex b’hekk ma tħallix post għall-konkorrenza. Minn hawn nixeq niseden lil dawk kollha li jħobbu l-keb biex meta jżuru l-ħwienet tal-kotba, anki dawk virtwali, ma jmorrux biss għall-kotba super- reklama u li jitqiegħdu fuq quddiem fil-vetrini tal- ħwienet prominen. Il-qarrej intelliġen huwa dak li jaf ifiex anki fuq in-naħa ta’ wara tal-ixkaffi tal- kotba, iqalleb il-paġni tal-keb in kwestjoni u ma jħallix lilu nnifsu jiġi ngannat mix-xinxilli tal-qoxra sabiħa li llum l-aqwa pubblikaturi jafu jlibbsu lill- prodo tagħhom. Kotba tajbin hemm bosta iktar, anki bl-ilsien Mal, u mhux dawn biss. Fuq nota differen, laqatni programm radjufoniku, bl-isem ta’ Caccia al libro, li ſtit jiem ilu kont qed insegwi għal ſtit minu waranofsinhar, fuq Rai Radio 3. Kien programm fejn qarrejja differen minn naħat differen tal-Italja jċemplu lill-preżentatur tal- programm u jistaqsu għal kotba parkolari li kienu ilhom ifixu proprju għax diffiċli biex jinstabu. Il- preżentatur kien iħabbar dan waqt il-programm egħu u b’hekk kien jiġi kkuntajat minn semmiegħa u qarrejja li kienu les jagħtu l-keb mixeq lil min kien staqsa għalih. Hekk għandna programm radjufoniku li jirnexxilu joħloq network ta’ qarrejja li les jpartu kotba u b’hekk ikomplu jagħnu l-imħabba tagħhom għall-qari. Nafu li dan qed iseħħ ukoll permezz tal-internet bis- saħħa ta’ gruppi apposta fuq si soċjali bħal Facebook, fejn hemm anki kmamar virtwali fejn wieħed ikun jista’ jiddisku, jixtri u jpartat kotba parkolari. Ma ninsewx li l-keb hu esperjenza pożiva li ta’ min taqsamha ma’ ta’ madwarek. [email protected] Ħarġa numru 17: Frar, 2014 Editorjal

Upload: patrick-j-sammut

Post on 08-Apr-2016

250 views

Category:

Documents


3 download

DESCRIPTION

Il-Pont (The Bridge) is an online literary magazine published monthly since October 2012. It's main language is Maltese, but poems in other languages - mainly English and Italian - are regularly included too. Il-Pont is intended to bring together writers and readers from all over the world.

TRANSCRIPT

Page 1: Frar 2014

B ħalissa fl-Italja għaddejja battalja siekta kontra moviment li matul is-snin irnexxielu jwarrab mill-kotba skolastiċi tal-letteratura Taljana għadd kbir ta’ kittieba min-

Nofsinhar tal-Italja, fosthom Quasimodo, Tomasi di Lampedusa, Sciascia, Silone, Jovine, Gatto, Sinisgalli, Vittorini, De Libero u oħrajn, biex posthom ħaduh kittieba oħrajn, anki inqas importanti, minn naħat oħrajn tal-peniżola.

Anki hawn Malta jseħħu minn dawn il-bawxati. U ħafna drabi kollox isir fis-skiet u fil-moħbi wkoll. Hemm ħbieb tal-ħbieb tal-ħbieb li jafu jagħtu spinta lix-xogħlijiet u pubblikazzjonijiet ta’ ismijiet partikolari filwaqt li jwarrbu kompletament oħrajn jew saħansitra jixħtulhom dell ikrah permezz ta’ kummenti psewdo-kritiċi li jidhru f’ċerti ġurnali prominenti ta’ nhar ta’ Ħadd.

Hemm ukoll dik li jiena nsejħilha l-magna tal-marketing infallibbli li bis-saħħa tagħha jirnexxilha tixħet fid-dawl għal bosta drabi numru magħżul ta’ kittieba u timmonopolizza l-ispazju disponibbli - fuq ġurnali, rivisti, programmi radjufoniċi u televiżivi -biex b’hekk ma tħallix post għall-konkorrenza.

Minn hawn nixtieq nistieden lil dawk kollha li jħobbu l-ktieb biex meta jżuru l-ħwienet tal-kotba, anki dawk virtwali, ma jmorrux biss għall-kotba super-reklamati u li jitqiegħdu fuq quddiem fil-vetrini tal-ħwienet prominenti. Il-qarrej intelliġenti huwa dak li

jaf ifittex anki fuq in-naħa ta’ wara tal-ixkaffi tal-kotba, iqalleb il-paġni tal-ktieb in kwestjoni u ma jħallix lilu nnifsu jiġi ngannat mix-xinxilli tal-qoxra sabiħa li llum l-aqwa pubblikaturi jafu jlibbsu lill-prodotti tagħhom. Kotba tajbin hemm bosta iktar, anki bl-ilsien Malti, u mhux dawn biss.

Fuq nota differenti, laqatni programm radjufoniku, bl-isem ta’ Caccia al libro, li ftit jiem ilu kont qed insegwi għal ftit minuti waranofsinhar, fuq Rai Radio 3. Kien programm fejn qarrejja differenti minn naħat differenti tal-Italja jċemplu lill-preżentatur tal-programm u jistaqsu għal kotba partikolari li kienu ilhom ifittxu proprju għax diffiċli biex jinstabu. Il-preżentatur kien iħabbar dan waqt il-programm tiegħu u b’hekk kien jiġi kkuntattjat minn semmiegħa u qarrejja li kienu lesti jagħtu l-ktieb mixtieq lil min kien staqsa għalih. Hekk għandna programm radjufoniku li jirnexxilu joħloq network ta’ qarrejja li lesti jpartu kotba u b’hekk ikomplu jagħnu l-imħabba tagħhom għall-qari.

Nafu li dan qed iseħħ ukoll permezz tal-internet bis-saħħa ta’ gruppi apposta fuq siti soċjali bħal Facebook, fejn hemm anki kmamar virtwali fejn wieħed ikun jista’ jiddiskuti, jixtri u jpartat kotba partikolari. Ma ninsewx li l-ktieb hu esperjenza pożittiva li ta’ min taqsamha ma’ ta’ madwarek.

[email protected]

Ħarġa numru 17: Frar, 2014

Editorjal

Page 2: Frar 2014

L-AĦBARIJIET POETESSA MALTIJA REBBIEĦA TA’ KONKORS INTERNAZZJONALI Jane Micallef rebħet it-32 edizzjoni tal-Concorso Internazionale Città di Quarrata 2013. Dan il-konkors tal-poeżija kien fih żewġ taqsimiet, waħda għal residenti Taljani b'diversi sezzjonijiet, u premju speċjali għal poeti barranin. Micallef rebħet din l-aħħar taqsima bil-poeżija Mediterraneo 2011. Il-premjazzjoni saret fl-20 t'Ottubru, f'Villa La Magia (post storiku) fi Quarrata, qrib Firenze. Micallef attendiet għall-premjazzjoni, u ntlaqgħet tajjeb ferm. Il-poetessa Maltija rebħet is-somma ta' 350 euro u hamper bi prodotti lokali. Il-ġurija kienet magħmula minn persuni distinti mill-Università ta' Firenze. Ħadu sehem mat-800 poeżija. KONSULTAZZJONI PUBBLIKA DWAR IL-PREMJU NAZZJONALI TAL-KTIEB Nhar is-6 ta’ Jannar 2014, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb organizza Konsultazzjoni Pubblika dwar il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb li għaliha ġew mistiedna l-Awturi/Edituri, Pubblikaturi u membri tal-Ġurija li ħadu sehem fil-Konkors Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Ġiet diskussa wkoll is-sistema tal-Public Lending Rights (PLR) li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jibda jaħdem fuqha din is-sena, flimkien mal-Malta Libraries. L-event seħħ fis-Sala Castille tal-Grand Hotel Excelsior, fil-Furjana. Intant il-pubbliku għadu ma jafx sal-ġurnata preżenti liema kienu l-kategoriji miftuħin, il-kotba/awturi/edituri/pubblikaturi li ħadu sehem fl-edizzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2013. L-ebda tagħrif uffiċjali anki dwar ir-rebbieħa ta’ kull kategorija. Is-sit www.ktieb.org.mt għadu magħluq. STEDINA MILL-AKKADEMJA TAL-MALTI L-Akkademja tal-Malti stiednet lill-interessati biex jibagħtu poeżiji qosra marbutin ma’ okkażjonijiet speċjali - bħalma huma Jum San Valentinu, Jum l-Omm, Jum il-Missier, l-Għid, u l-Ġimgħa l-Kbira -, u li jappellaw għal numru kbir ta’ qarrejja biex jidhru fil-paġna tagħha tal-Facebook. Min ma jiktibx poeżiji ġie mitlub jissuġġerixxi poeżiji ta’ ħaddieħor.

LEJLA DWAR POETI MEDJEVALI MALTIN Inizzjattiva oħra tal-Akkademja tal-Malti kienet dik li seħħet fit-23 ta’ Jannar 2014, fil-Moskea, Kordin, f’Raħal Ġdid. Il-kelliem kien il-Prof Martin Zammit li għamel taħdita bl-isem ta’ “Il-Versi Għarbin tal-Poeti Medjevali Maltin: Ħarsa mill-Ġdid”. LEJLA F’ĠIEĦ KARMENU VASSALLO L-Akkademja tal-Malti tellgħet ukoll Lejla Kommemorattiva f'ġieħ il-poeta Karmenu Vassallo flimkien mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dan seħħ nhar il-Ħamis filgħaxija, 30 ta' Jannar, fis-Sala tal-Ambaxxaturi fil-Berġa ta' Kastilja. STEDINA BIEX JINTBAGĦAT MATERJAL GĦAL PAĠNA LETTERARJA Mill-25 ta’ Jannar Omar Seguna beda jieħu ħsieb il-Paġna Letterarja ta’ l-orizzont. Kull min jixtieq jibgħat kontribuzzjonijiet jista’ jikteb fl-indirizz elettroniku [email protected]. Minn hawn nifirħu lil Omar Seguna. RUMANZ ĠDID MINN ISABEL ALLENDE Għadu kemm ġie ppubblikat rumanz ġdid tal-kittieba Ċilena, Isabel Allende, bl-isem ta’ Ripper, maħruġ mill-HarperCollins. Allende biegħet mas-60 miljun ktieb madwar id-dinja u tikteb letteratura mistħajla ta’ natura storika skont it-tradizzjoni tar-realiżmu maġiku. Ripper hu dwar żagħżugħa li jirnexxilha ssib qattiel fil-belt ta’ San Francisco, u dan bil-għajnuna ta’ nannuha u ta’ grupp ta’ ħbieb fuq l-internet.

L-awtriċi Ċilena, Isabel Allende.

Page 3: Frar 2014

L-AĦBARIJIET IMUT IL-BARUNI KELINU VELLA HABER Nhar it-Tlieta, 28 ta’ Jannar, 2014, tħabbret il-mewt tal-Baruni Kelinu Vella Haber. Il-quddiesa tal-funeral saret fil-Knisja Parrokkjali tal-Gżira nhar il-Ħamis, 30 ta’ Jannar, fit-8.30 ta’ filgħodu. Kelinu Vella Haber li twieled fl-1 ta’ Ottubru tal-1913 kien wieħed mill-pilastri tal-Ilsien Malti u li ħadem qatigħ biex dan ilsienna jakkwista l-livell li jixraqlu. Dan għamlu fi żminijiet diffiċli. Kelinu ħalliena imma x-xogħol li għamel f’ġieħ il-Malti u l-letteratura Maltija ma jintesa qatt. Kull min hu interessat fil-ħajja u fix-xogħol ta’ dan il-bniedem jista’ jara l-ktieb ta’ Paul P. Borg, Kelinu Vella Haber - Ħidmietu u l-Moviment tal-Malti (Mizzi Design and Graphic Service, 2003).

Il-Baruni Kelinu Vella Haber ftit xhur ilu.

QARI TA’ POEŻIJA S-SIBT FILGĦODU Intant nhar ta’ Sibt filghodu, l-1 ta’ Frar, bejn l-10 u nofsinhar, komplew il-laqgħat ta’ qari ta’ poeżija mill-Ghaqda Poeti Maltin fil-kafetterija ta’ Dar l-Emigrant. Membri u persuni interessati qraw poeziji varji f’atmosfera informali. IMUT POETA ARĠENTIN… U IEĦOR MESSIKAN Fl-14 ta’ Jannar 2014 miet il-poeta Arġentin, Juan Gelman, li kellu l-kuraġġ jikteb dwar il-“gwerra maħmuġa” tas-snin sebgħin u tmenin. Huwa miet f’Mexico City fl-età ta’ 83 sena. Gelman ippubblika iktar minn 20 ġabra ta’ poeżiji (fosthom Unthinkable tenderness, u Dark Times Filled with Light: The Selected Work of Juan Gelman), kien ġurnalista prominenti, u rebaħ il-Premju Cervantes fl-2007 li hu

l-ogħla unur letterarju fid-dinja li titkellem bl-Ispanjol. Huwa ħarab mill-Arġentina ftit qabel l-1976 meta twaqqaf dittatorjat militari. F’waħda mill-poeżiji tiegħu, The Deluded, Gelman kiteb: “hope fails us often/ grief never./ that’s why some think/ that known grief is better/ than unknown grief./ they believe that hope is an illusion./ they are deluded by grief.” Iben Gelman u bintu tar-rispett kienu fost l-eluf li għebu waqt il-“gwerra maħmuġa”. Intant fis-26 ta’ Jannar, 2014, miet il-poeta Messikan, José Emilio Pacheco. Kien ukoll rumanzier u kittieb ta’ esejs u rakkonti qosra. Pacheco twieled fl-1939 u ppubblika xogħlijiet bħal Los trabajos del mar (1984), Iras y no volveras (1973) u l-ġabra ta’ poeżiji Tarde o temprano (2009). Rebaħ unuri internazzjonali bħall-Premju Iberoamerikan tal-Poeżija Queen Sofia (2009) u l-Premju Cervantes(2009). Fl-Amerka Latina ngħata l-Premju Octavio Paz (2003) u l-Premju Iberoamerikan tal-Poeżija Pablo Neruda (2004).

Juan Gelman (xellug) u José Emilio Pacheco (lemin)

KATINA UMANA TA’ ELUF TA’ LATVIJANI Nhar is-Sibt 18 ta’ Jannar, madwar erbatax-il elf bniedem f’Riga, il-belt kapitali tal-Latvja, iffurmaw Katina umana ta’ 2 km biex ġarrew elfejn ktieb mis-sede l-antika tal-Biblijoteka Nazzjonali għas-seda l-ġdida. Dan seħħ f’rabta mal-fatt li dis-sena Riga hija l-Kapitali Ewropea tal-Kultura u anki biex jitfakkar il-”Baltic Way”, avveniment li seħħ fl-1989, meta 2 miljun persuna ffurmaw katina umana biex ingħaqdu flimkien il-bliet kapitali Vilnius, Riga u Tallinn. Wara sentejn it-tliet pajjiżi rispettivi kisbu l-indipendenza mill-Unjoni Sovjetika.

Page 4: Frar 2014

Marlene Saliba twieldet f’Santa Venera u ħadet l-edukazzjoni tagħha kemm f’Malta kif ukoll fl-Ingilterra. Kisbet Master’s degree fil-Letteratura Ingliża mill-Università ta’ Malta. Kienet waħda mill-fundaturi tal-Peace Education Programme, li wara ġie magħruf bħala Institute for Peace and Conflict Studies, fi ħdan il-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali fl-Università ta’ Malta.

Liema huma dawk il-waqtiet, esperjenzi u ħwejjeġ li jispirawk? Il-waqtiet, esperjenzi u ħwejjeġ li jispirawni jistgħu jkunu kemm pożittivi kif ukoll negattivi. Il-poeżiji mistiċi tiegħi huma x’aktarx ispirati minn waqtiet ta’ ħemda u solitudni f’kuntest u f’ambjent naturali fil-kampanja jew maġenb il-baħar jew taħt sema jiddi bil-qamar u l-kwiekeb jew f’xi bini sagru. Il-poeżiji ta’ riflessjoni dwar is-soċjetà, kif ukoll il-poeżiji ta’ protesta, għadd ta’ drabi huma mnebbħa mill-problemi individwali u soċjali ta’ madwarna. Inebbħuni l-esperjenzi personali u l-esperjenzi li jġarrab ħaddieħor. Liema huma l-pubblikazzjonijiet poetiċi tiegħek u fiex jikkonsistu fil-qosor? L-ewwel ktieb tal-poeżiji tiegħi kien bl-Ingliż bit-titlu ta’ Time-Faring u ġie ppubblikat fl-1994 u t-tieni edizzjoni fl-2001. Dan jinkludi esperjenzi personali, versi dwar is-soċjetà, dwar it-tkasbir tal-jeddijiet umani u tal-ambjent naturali, u poeżiji dwar ir-rabta mistika individwali u kollettiva tagħna mad-dinja u mal-kożmos. It-tieni ktieb poetiku tieghi, Xbihat tal-Antenati / Ancestral Visions, hu bilingwi (bil-Malti u bl-Ingliż) u ġie mitbugħ fl-2011. Il-poeżiji tiegħi jirriflettu dwar il-valur intrinsiku taż-Żmien

Neolitiku għalina llum. Huma mnebbħa kemm minn nies paċifiċi li bnew l-imqades Neolitiċi Maltin kif ukoll minn nies ta’ madwarna fis-seklu wieħed u għoxrin. Il-poeżiji jħarsu lejn u jispekulaw dwar bosta ħwejjeġ, ċirkostanzi u esperjenzi sekulari u sagri li kellhom in-Neolitiċi li donnhom baqgħu xi ftit jew wisq simili għalina fil-ġurnata tal-lum, u dawk li jidhru li nbidlu, bħal pereżempju, is-safa tal-ambjent naturali u r-rabta spiritwali li kellhom dawn l-antenati man-natura. Il-ktieb jistieden lill-qarrejja jeżaminaw kemm dak li rbaħna tul dawn l-aħħar eluf ta’ snin, kemm dak li tlifna, kif ukoll dak li għad nistgħu nerġgħu niksbu.

F’din il-pubblikazzjoni inkludejt xbihat bil-kulur ta’ xogħlijiet ta’ artisti mis-seklu tmintax sal-lum imnebbħa mill-kultura Neolitika ta’ Malta u Għawdex kif ukoll ritratti tal-imqades tagħna u ta’ fdalijiet li nstabu fihom. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn ir-ritratti tal-wirt Neolitiku huma ta’ Daniel Cilia. Naf li inti waħda minn dawk li fhimt bl-importanza li vrusek jiġu tradotti għal ilsna barranin. X’vantaġġi hemm wara dan? Jiena nikteb poeżiji oriġinali bil-Malti u bl-Ingliż. It-tnejn huma ilsna li nħossni komda nitkellem bihom. U meta nikteb poeżija bil-Malti nħoss li għandi naqlibha għall-Inliż u viċeversa. Għandi poeżiji

maqluba minn ħaddieħor għall-Franċiż, għat-Taljan u għall-Ġermaniż. Il-vantaġġ wara dan hu li taqsam l-esperjenzi u l-ħsibijiet ma’ aktar nies u minn din il-komunikazzjoni tifhem iżjed kemm aħna l-bnedmin ta’ ilsna u anki kulturi diversi aħna simili fl-emozzjonijiet u fix-xewqat tagħna u kemm nistgħu nkunu ta’ wens u ta’ għajnuna għal xulxin. Min jixtieq jaqra l-intervista sħiħa jista’ jara din il-ħolqa: http://patrickjsammut.blogspot.com/2014/01/intervista-mal-poetessa-marlene-saliba.html

L-INTERVISTA Marlene Saliba

Page 5: Frar 2014

M a niftakarx jekk kontx qed nitlob, nolfoq jew noħlom xħin ħarsti ssammret fuq il-lampier imdendel mill-għoli bi tliet ktajjen

irqaq li bilkemm jidhru. Tistħajlu qed iżomm waħdu hemm fin-nofs, dak il-lampier inemnem u jwennes ’l-artal maġġur tal-knisja. Il-ħin kien għamel sew; il-barka ilha li tat, u n-nisa xjuħ, kobob imlefilfin fl-iswed, tkaxkru waħda wara l-oħra ’l barra, waqt li jien bqajt waħdi, bilqiegħda fuq is-siġġu żlugat tat-tibna fl-ewwel filliera. Tistennieha li ma kinux nisa biss dawk li ġew għall-barka, kien hemm irġiel ukoll. Dawk joħorġu l-ewwel nies biex malli jirfsu il-bieb maġġur erħilhom ikebbsu l-pipa, xi sigarrett jew sigarru tant li fil-knisja li ftit qabel kellha l-fwieħa tal-inċens tibda tidrod ir-riħa ta’ tabakk.

Għalkemm ma dawwartx wiċċi, stajt inkun naf ħaġa b’ħaġa fejn kien wasal l-ajk li bi stuta twila kien qed jitfi x-xemgħa ta’ quddiem kull statwa u fuq kull artal. Imbagħad b’tisbita jibda jagħlaq u jaqfel il-bibien tal-ġnub u tal-maġġur, waqt li jsabbat biex taparsi jirranġa xi żewġ siġġijiet. Kien għadu ma telax tul il-korsija għal fuq il-presbiterju biex iħares bl-ikrah lejn kull min kellu l-almu li jibqa’ fil-knisja. Dak il-ħin smajtu jikkustinja b’leħnu sod u baxx ma’ raġel fil-bieb maġġur. Min jaf x’kienet l-istorja? Seta’ ġara li l-ajk kien, bħas-soltu, qed jargumenta dwar il-wiċċ sfiq ta’ xi nisa, bla żejt f’wiċċhom li jħalluh jistenna tant ħin biex jagħlaq il-knisja.

Mela l-Bambin kien ipprovda ’l xi ħadd biex jien stajt nitlajja għall-kwiet u għall-irdoss f’dik il- ġenna tal-art, għax għalija l-knisja vojta, kważi fi dlam komplet u fis-skiet hija rokna kennija tal-ġenna f’din id-dinja mwiegħra.

Għajnejja ġrew fuq il-lampier tal-ferrobattuto iswed, bil-weraq telgħin imxebilkin ’il fuq, oħrajn mgħawġin imżerżqin ’l isfel… bil-bozza tonda tal-kristall aħmar, u bil-fjamma ċkejkna tkebbes fiha. X’seħer kellu fuqi dak id-daqxejn ta’ lampier iswed! Iswed … abjad … aħmar! Dawk it-tliet ilwien flimkien mat-tleblib ta’ lsien in-nar bdew jipnotizzawni.

Rajt tapit aħmar bellusi, għarusa liebsa l-abjad u xifer ta’ suttana ta’ qassis: tieġ! B’kuntrast: rajt id-dalma mdaħħna tal-lejl fuq kamp ta’ battalja. Fid-dlam ftit li xejn jidher għajr il-leħħa ħamra tal-isparar, hemm iġsma bojod kważi kadavri. Rajt mara liebsa l-iswed, tistrieħ fuq irħama bajda ta’ qabar waqt li tqiegħed fuqu ward aħmar jikwi b’imħabbitha. Baħar iswed faħam jitbewwes ma’ xefaq iħammar taż-żernieq waqt li fil-għoli tas-smewwiet felli qamar ilellex, fiddieni. Ċoff kbir tas-satin aħmar jiġma’ u jiġbor xagħar folt iswed nieżel imġiegħed fuq għonq bajdani alabastru ta’ tfajla. Platt abjad tal-kina eleganti imżejjen bi flieli ħomor tad-dullieġħ imnaqqax biż-żerriegħa sewda.

L-aħmar fakkarni fil-passjonijiet tal-bniedem; l-iswed l-abbiss ta’ tbatija u disperazzjoni waqt li l-abjad huwa l-ftila tat-tama.

L-iswed huwa l-għuda tas-siġra maqtugħa kif ġie ġie biex fuqha jissallab il-Bniedem-Alla bla ħtija; aħmar demmu jċarċar, abjad il-liżar lest biex ikeffnu. Aħmar is-sema mgħaddab fuq il-Golgota, abjad l-irħam tat-Tempju ta’ Ġerusalemm, iswed in-niket fuq wiċċ l-art.

Iswed, abjad u aħmar: il-lampier, is-simbolu tal-Fidwa!

IL-LAMPIER Lina Brockdorff

Page 6: Frar 2014

J oe P. Galea (Fra Goel) ippubblika erba’ ġabriet ta’ poeżija lirika: Ifrixli Ħdanek Beraħ (1996), O Għatx Imkebbes Fjamma (2007), Dmija fuq il-Borra (2009) u Dija (2011).

Tul l-istorja tal-letteratura Maltija nsibu poeżija reliġjuża ta’ ċerta intensità. Xogħlijiet poetiċi bħal ta’ Dun Karm, Anastasju Cuschieri, Ġorġ Borg, Charles Mifsud u Ġorġ Peresso huma xhieda ta’ dan. Imbagħad hemm il-poeżija ta’ Patri Marjanu Vella li hi aktar imsejsa fuq livell eżistenzjalista. Il-poeżija ta’ Fra Goel (Joe. P. Galea) hija poeżija mistika mseddqa b’estetika rikka li toffri lirika mqanqla ta’ ruħ għatxana, li bħal insett hija maqbuda fl-għanqbuta tal-eżistenza, tissielet magħha nnifisha biex tiġġustifika l-fidi Nisranija. Il-lirika tiegħu hi djalgu interjuri bejnu u bejn ruħu. F’waqtiet ta’ turment intens hu jsensel katina ta’ mistoqsijiet lil Alla li jemmen fih. Bħal Adam fil-ġnien tal-Għeden iħossu għeri għal kollox saħansitra mill-kunċett li jista’ jeżisti Alla, u hawnhekk hu ma jeskludiex li jista’ jinħoloq kollokju anki mal-eżistenzjaliżmu ateu b’mod ewlieni mgħallem minn Sarte u Camus. Hu jħossu mwaħħad mal-umanità, għax il-weġgħat, l-ansjetajiet u t-tiftix fil-mistoqsijiet li jirrikjedu tweġiba huma universali u mhux personali. F’kitbietu hemm il-ħolm li jqum mill-mistoqsija, il-ħolm li jġarrab kull esseri maħluq, u għalhekk l-istess mistoqsija hija ta’ kulħadd u mhux tiegħu biss. L-Alla li jemmen fih hu l-Alla personifikat f’Ġesù Kristu, li b’umiltà u bla kundizzjoni ġarrab bħal kull uman l-ansjetà, it-turment, il-weġgħat, qtiegħ il-jies u s-sens tax-xejn fil-qigħan tar-ruħ. Din il-fidi tal-poeta hi xrara, u biha jinsab iterraq f’qiegħ għammieq ta’ rwiefen turbulenti. Hi xrara ferm prezzjuża daqs djamant li l-biza’ tiegħu hi li jista’ jitlifha, u dan hu x’aktarx il-motiv tat-turmenti li jippersegwitawh. Għalih is-sens tax-‘xejn’ hu marbut bħall-ħolqa ta’ katina ma’ sens ta’ fraġilità

li għal waqtiet kapaċi jissawwar fi qtigħ il-jies. Fra Goel jisħaq li l-fidi għandha mid-dlam skabruż u mid-dija għammiexa. Hija pass fid-dlam, iżda l-pass fid-dlam hu pass ’il quddiem fil-fiduċja fl-Ieħor. Minnha nnifisha dil-fiduċja hi dawl, għax hi mixi f’direzzjoni li tisboq. Hu biss fl-ispazju tad-dubji li l-fidi tista’ titfannad. Itenni li d-dubji jiġu biex ikomplu jsaħħuħ fil-fidi, fejn jara li m’hemmx spazju għal ebda fidi. Primarjament il-poeta jikteb vrusu

bħala komunikazzjoni u relazzjoni mal-Ħallieq li jemmen fih, u f’dawn il-parametri jrid joħloq rapport ta’ mħabba ma’ ħutu l-bnedmin. Il-lirika spiritwali tiegħu mhijiex biex tbarri lill-bqija; anzi bil-maqlub fiha hemm bħall-għeneb it-tagħsir taħt il-morsa fonduta ta’ wġigħ komuni. B’dawn l-emozzjonijiet imqanqla ta’ wġigħ il-poeta fl-ebda mument ma jinkapsula lilu nnifsu f’xi fosdoq mistur ta’ xi għar dagħmi. Il-weġgħat tiegħu huma l-weġgħat tal-kotra. Quddiem il-flaġelli umani l-mistoqsija ‘Fejn int?’ tinvadilu ruħu moribonda lejl u nhar. U f’din il-frażi kważi ta’ abbandun li jintuwixxi ħjiel ta’ Alla mislub agonizzant. Alla li l-ħin kollu bħas-Samaritan it-tajjeb jistiednu jidħol fis-skiet Tiegħu biex jasal jgħix fih innifsu l-kompassjoni Tiegħu lejn il-ħlejjaq kollha bħalma għamel

Franġisku ta’ Assisi. U f’din il-kompassjoni prattikata jġarrab il-qawwa redentriċi tas-Salib. Nagħlaq billi ngħid li Fra Goel ma jikkonkludix li l-identità tiegħu tinsab fix-‘xejn’, iżda fi skiet tal-preżenza (is-skiet bħala l-oppost tal-frammentazzjoni) imwaħħad mal-Preżenza li hu Alla. Il-ħtieġa li minnha jikteb hi ħtieġa li jemmen u jittama li jkun jista’ jgħix, jiġifieri jħobb. Il-funzjonità u razzjonalità (jekk hemm) jinsabu f’din il-ħtieġa. Huwa jidħol fil-kwadru ta’ testi mistiċi ta’ awturi fosthom Tereża ta’ Avila, Santu Wistin ta’ Ħippo, Franġisku ta’ Assisi, Tumas t’Aquina, Tumas Kempis, Ġwanni tas-Salib u riċentament il-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni.

IT-TURMENT TA’ POETA-PRESBITERU

Andrew Sciberras

Page 7: Frar 2014

MEDITERRANEO 2011 E il tramonto si fa sempre più rosso. Galleggiano nel crepuscolo i corpi inerti sempre più rigidi; Negli occhi spenti si rispecchiano offuscati miraggi di pane e libertà. Trepidano sulle acque cobalto ombre illusorie, germogli di ali ondulanti che non voleranno mai. Nei palazzi di vetro su tavole traballanti mani profumate giocano d’incertezze sulla scacchiera dell’umanità. Intanto l’alba si fà tramonto un tramonto ancor più rosso; più gelido lo stesso mare; arcigno spettrale tomba di sogni e di segreti Mediterraneo 2011.

JANE MICALLEF

IX-XIĦ Indur bih u nibkih inħares lejh u nitħassru mitluq f’sodda fi sptar, abbandunat minn familtu wiċċi ndawwar u nibki nħares f’mera nitħassarni min jaf għadx inkun abbandunat minn familti

KEVIN TANTI

F’JUM SAN VALENTIN Jgħidu illi Frar imqarqaċ Xejn mhu ħelu, pjuttost kiefer, U aħjar toqgħodlu ġewwa Għax imqit u għandu d-dwiefer! U għalkemm hu l-iktar qsajjar Jaf ifawwar anke l-bjar; Joħloq ħerba fi treqatna Wil-widien jimtlew sax-xfar. Imma għalkemm dan il-gwaj kollu Miegħu jġib ġrajjiet sbieħ; Kien f’daż-żmien li San Pawl tfarrak U lil ġensna ħabb bi sħiħ. Tul dax-xahar in-nies titbaħrad, Titbaħnan fil-Karnival Għax kif jgħid il-qawl minn tagħna ‘Mhux darbtejn insiru tfal!’ Il-borma fuq tlieta toqgħod – Il-festa tal-maħbubin Ma’ Frar tasal, mistennija Rigal nixtru lil xulxin. Ja ħanini kemm inħobbok Kieku taf x’nagħmel għalik Kieku għandi flus bix-xabgħa Villa sbejħa kont nagħtik! Imma għalkemm dawn bwieti vojta Tibqa’ l-mimmi ta’ għajnejja; Kieku nista’ l-jum kollu Ma taħrabx minn taħt idejja! Għax l-imħabba hija l-qofol Tal-ferħ kollu tal-bnedmin Tixbah ġnien mimli bil-fjuri – Friefet, vjoli, ġiżimin!

KAV. JOE M. ATTARD

IL-POEŻIJI

Page 8: Frar 2014

MINN FUQ L-IXKAFFA

BIŻA U KURAĠĠ ta’ Karmenu Mallia, BDL, 2013

L-azzjoni ta’ dan ir-rumanz titqiegħed fi żmien l-aħħar gwerra dinjija, u jagħti indikazzjoni minn xiex għaddew il-Maltin ta’ dak il-perijoduxejn sabiħ. Célestine tħobb lil Fredu Flores mill-Birgu, imma żżewġet lit-Tabib Bru. Meta mietet Célestine t-Tabib beda jrabbi lil Miriam, bint ħuh. Hilda, oħt Fredu Flores, kienet attriċi, u ltaqgħet ma’ Miriam u l-Kanonku Dun Belin f’Ħal Qormi bħala refuġjati. Fredu jiżżewweġ lil Miriam. Jidħol fl-istorja anki l-Avukat Ċiċċibeqqi. Naqraw dwar l-istorja tal-Illustrious u l-Konvoj ta’ Santa Marija. Fuq naħa hemm il-mewt; fuq l-oħra hemm it-tama ta’ umanità ġdida. Dan hu rumanz ta’ 382 paġna li jinqasam f’19-il kapitlu. Għal darb’oħra Karmenu Mallia, kittieb prolifiku tassew, iħallat ġrajjiet mistħajla ma’ oħrajn storiċi biex ħalaq rumanz interessanti u li żgur jiġi apprezzat minn min iħobb jaqra bla tbatija ta’ xejn u għall-gost.

IL-FILOSOFIJA TL-ISPIRITWALITÀ KOŻMIKA ta’ Anton Sammut, 2013.

X’kienu jaħsbu l-filosofi tal-Greċja Klassika dwar Alla jew l-Assolut? Għaliex dan il-kunċett ta’ Alla kien tant differenti minn dak li ħafna minna nifhmu bih illum? X’jgħidu l-kotba sagri u l-filosfi tal-Orjent rigward dan? X’inhuma l-Brahman, it-Tao, il-karma, ir-rikorrenza eterna, ir-rinkarnazzjoni, u l-Konoxxenza tal-Bniedem? X’għallem il-Budda fil-verità, u kemm influwenza t-tagħlim tiegħu fuq il-formazzjoni spiritwali ta’ Ġesù? Dawn huma ftit mill-mistoqsijiet li Anton Sammut jipprova jwieġeb anki bil-għajnuna tax-xjenza li għandna llum, u li permezz tagħha se tkompli tgħinna nirrealizzaw li, għalkemm fid-dinja jeżistu bosta reliġjonijiet u filosofi differenti, teżisti spiritwalità waħda u komuni għal kulħadd: Spiritwalità Kożmika li, fost oħrajn, għallmuha l-Budda, Ġesù, u nies kbar oħrajn. Dan ta’ Anton Sammut hu ktieb riċerkat miktub b’Malti mirqum dwar suġġett mhux faċli u li jgħin lill-qarrej jiftaħ għajnejh għal ħsieb tassew ġdid.

JINŻLULEK GĦASEL, ta’ Charles Flores u Tony Barbaro Sant, BDL, 2013.

Din hija ġabra ta’ aneddoti jew rakkonti qosra mill-paġni tal-ħajja ta’ iktar minn 123 Maltin u Għawdxin magħrufa. Insibu kitbiet u tifkiriet ta’ politiċi, kittieba, edukaturi, xandara, ġurnalisti, avukati, mużiċisti, spiżjara, kantanti, atturi, professuri, imprendituri, poeti, membri tal-kleru, dentisti, periti, diretturi, imħallfin, u l-bqija. Il-kitbiet huma konċiżi apposta biex jinqraw sħaħ fi żmien qasir u fl-istess ħin jagħtu gost lill-qarrej u spiss inisslu anki xi tbissima. Parti mid-dħul ta’ dan il-ktieb se tiġi mgħoddija lil xi santwarji tal-annimali bħala ħajr għal kulma qed jagħmlu f’dan il-qasam. Hawn se niskopru l-aspett uman ta’ bosta personalitajiet li s-soltu nħarsu lejhom biss minn perspettiva wisq serja: Membru Parlamentari Ewropew jiftakar meta fit-tazza tal-whisky li offrewlu sab wirdiena tgħum fil-wiċċ; koppja waqt vjaġġ fuq tren f’Londra tbati l-konsegwenzi ta’ ikla fażola; ieħor spiċċa tgerbeb it-taraġ hu u nieżel mill-ajruplan għax moħħu kien distratt mit-tfajla li kien hemm quddiemu. Prosit tassew Charles Flores u Tony Barbaro Sant għal dan il-ktieb b’differenza.